Mużew tal-Vasa

Malti

Il-Vasa huwa l-uniku vapur tas-seklu 17 li għadu jeżisti. B’aktar minn 95 fil-mija tal-partijiet oriġinali tiegħu preżervati, u mżejjen b’mijiet ta’ skulturi, il-Vasa huwa teżor artistiku uniku u wieħed mill-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin fid-dinja.

Il-vapur huwa esibit f’mużew mibni apposta fi Stokħolma fejn jinsabu wkoll disa’ esibizzjonijiet relatati, ħanut attrezzat sew u restorant ta’ l-ogħla kwalità. Il-film dwar il- Vasa jintwera f’sittax-il lingwa. Il-Mużew tal-Vasa jiġbed aktar viżitaturi minn kull mużew ieħor fl-Iskandinavja. Huwa biżżejjed li wieħed iżur Stokħolma għall-Vasa biss.

għarqa

Fl-10 t'Awwissu, 16289, bastiment kbir tal-gwerra salpa mill-port ta’ Stokkolma. Dan kien il-vapur Vasa, li kien għadu kif inbena, li ssemma’ għall-istemmi araldiċi tad-dinastija Vasa li dakinhar kienet tmexxi l-pajjiż. Sabiex tiġi mmarkata din l-okkażjoni solenni ġie sparat salut mill-kanuni li joħorġu mit-twieqi ta’ mal-ġnub tiegħu.

Hekk kif dan il-vapur setgħan kien qed ibaħħar bil-mod lejn id-daħla tal-port, f’daqqa waħda qamet buffura riħ. Il-Vasa miel fuq ġenbu iżda reġa’ ddritta ruħu. It-tieni buffura qelbet lill-vapur fuq ġenbu. L-ilma beda dieħel mit-twieqi miftuħin tal-kanuni. Il-Vasa għereq sal-qiegħ, u miegħu niżlu ta’ mill-anqas 30 u forsi sa 50 mill-150 baħri. Kellhom jgħaddu 333 sena qabel ma l-Vasa reġa’ tela’ fil-wiċċ.

MIN REĠA’ SKOPRIH

Anders Franzén, riċerkatur privat, beda t-tfitxija għall-Vasa fil-bidu tas-snin ħamsin tas-seklu li għadda. Minn tfulitu huwa kien jiffaxxina ruħu bil-vapuri mgħarrqa ħdejn id-dar tal-ġenituri tiegħu fl-arċipelago ta’ Stokħolma. Id-dudu tal-vapuri, it-Teredo navalis, li jnawwar il-vapuri mgħarrqa ta’ l-injam fl-ilma mielaħ, ma jgħixx fl-ilmijiet salmastri tal-Baltiku. Anders Franzén intebaħ bis-sinifikat ta’ dan il-fatt għall-vapuri li kienu għebu fil-Baltiku, u fl-1956 huwa reġa’ skopra l-Vasa.

KBIR GĦAL ŻMIENU

Il-Vasa nbena fi Stokħolma taħt is-sorveljanza tal-kostruttur tal-bastimenti Olandiż Henrik Hybertsson. Huwa kien megħjun minn mastrudaxxi, karpintiera, skulturi, pitturi, vitrari, vilieri, ħaddieda u bosta nies tas-snajja oħra. B’kollox ħadmu erba’ mitt ruħ fuq il-Vasa.

Il-vapur inbena fuq ordni ta’ Gustav II Adolf, Re ta’ l-Isvezja. Il-kostruzzjoni ħadet madwar sentejn. Il-vapur kellu tlett arbli, seta’ jġorr għaxart ilqugħ, kellu qies ta’ 52 metru mill-quċċata ta’ l-arblu sal-prim u 69 metru mill-pruwa sal-poppa, u kien jiżen 1200 tunnellata. Meta kien lest kien wieħed mill-vapuri l-aktar potenti li qatt inbena.

X’MAR ĦAŻIN?

Illum il-ġurnata nistgħu nikkalkulaw eżattament kif vapur għandu jiġi ddisinjat sabiex ikun tajjeb għall-vjaġġi. Fis-seklu 17 kienu jużaw tabelli ta’ dimensjonijiet li jkunu nstabu li jaħdmu sew fl-imgħoddi. Minn dokumenti kontemporanji nafu illi l-pjanijiet għall-Vasa inbidlu wara li x-xogħol fuq il-vapur kien beda.

Ir-Re ried għadd ta’ kanuni abbord akbar mis-soltu. Dan kien ifisser li d-dimensjonijiet magħżula għall-vapur ma baqgħux tajbin u l-kostrutturi ma kellhomx il-ħila meħtieġa. Inbena b’soprastruttura għolja u b’żewġ gverti magħluqa għall-kanuni. Il-qiegħ tal-vapur kien mimli b’ġebel kbir li kien jintuża bħala saborra sabiex iżomm il-vapur sod fuq l-ilma. Iżda l-Vasa kien wisq tqil minn fuq, u l-120 tunnellata saborra li kien iġorr ma kienx biżżejjed.

GĦALFEJN INBENA L-VASA?

Il-Vasa kellu jkun wieħed mill-bastimenti ewlenin tal-Flotta Navali Svediża. Kien iġorr 64 kanun, il-biċċa l-kbira minnhom ta’ 24 libbra (kienu jisparaw ballel li jiżnu 24 libbra jew ‘il fuq minn 11-il kg). L-Isvezja kellha madwar għoxrin vapur tal-gwerra, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kellu daqstant kanuni jew kanuni daqshekk tqal daqs il-Vasa.

Il-Vasa probabbilment kien ser ibaħħar lejn il-Polonja, li kienet l-għadu ewlieni ta’ l-Isvezja għal bosta snin. Il-Polonja kienet taħt ir-Re Sigismund, li kien kuġin tar-Re Svediż (kellhom l-istess nannu min-naħa tal-missier). Sigismund darba kien ir-reġġent ta’ l-Isvezja iżda kien tneħħa minħabba t-twemmin Kattoliku tiegħu.

WARA LI L-VASA ĠIE MTELLA’

Wara preparazzjoni ta’ bosta snin, il-Vasa ttella’ fil-wiċċ fl-24 ta’ April 1961. Issa kien imiss ix-xogħol tal-preżervazzjoni. Vapur mgħarraq li jkun ilu taħt l-ilma għal daqshekk żmien ma jistax ma jiġix trattat. Jekk ma jsirx dan, fuq medda ta’ żmien l-injam jitqarqaċ u jitfarrak.

Għall-ewwel il-Vasa ġie mbexxex bl-ilma waqt li l-esperti ħadmu metodu ta’ konservazzjoni xieraq. Il-preżervattiv magħżul kien polyethylene glycol (PEG), prodott qisu xemgħa b’bażi ta’ ilma li jidħol bil-mod fl-injam, b’hekk li jissostitwixxi l-ilma. Ix-xogħol ta’ bexx bil-PEG issokta għal ħafna snin.

L-ISKULTURI

Flimkien mal-Vasa nstabu aktar minn 14,000 oġġett ta’ l-injam separati, inklużi 700 skultura. Dawn ġew preżervati individwalment u mbagħad tpoġġew lura fil-post oriġinali tagħhom fuq il-vapur. Dan ix-xogħol kien bħal qisu meta wieħed jgħaqqad ġigso pażil enormi.

Il-vapuri tla-gwerra tas-seklu sbatax ma kienux biss magni militari, iżda kienu wkoll palazzi fuq wiċċ il-baħar. L-iskulturi li ġew slavati kellhom traċċi ta’ indurar u żebgħa. L-analiżi moderni juru li dawn kienu miżbugħa b’kuluri jgħajtu fuq sfond aħmar. L-iskulturi jirrappreżentaw iljuni, eroj bibliċi, imperaturi Rumani, kreaturi tal-baħar, allat Griegi u ħafna oħrajn. L-iskop tagħhom kien li jigglorifikaw lir-Re Svediż u jesprimu s-setgħa tiegħu, il-kultura tiegħu u l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu.

F’LIEMA STAT JINSAB IL-VASA LLUM?

Il-manutenzjoni u l-kura tal-Vasa huma xogħol kontinwu. Il-preżervazzjoni tiegħu tiddependi b’mod kruċjali fuq klima stabbli. Waqt li l-vapur kien jinsab taħt l-ilma l-viti tal-ħadid issaddu b’tali mod li l-injam tal-ballut swied. Sa fl-aħħar kien qed iżomm magħqud biss b’kavilji ta’ l-injam. Sustanzi li jniġġsu fl-ilma ffurmaw kwantitajiet kbar ta’ kubrit li ppenetra l-injam. Illum il-kubrit qed jitħallat ma’ l-ossiġnu b’mod li qed jifforma l-aċtu sulfuriku. L-aċtu jattakka l-injam, għalkemm m’huwiex ta’ periklu għall-viżitaturi tal-mużew. Riċerka dwar preżervazzjoni fit-tul għadha għaddejja.

VASA IL-MAGNA TAŻ-ŻMIEN

Meta l-Vasa għereq, iż-żmien waqaf. Dak li ġie salvat fl-1961 kien parti mhux mimsusa tas-seklu 17. Kull wieħed mill-eluf ta’ oġġetti rkuprati għandhom storja x’jirrakkontaw. Fosthom hemm ukoll l-għadam tal-baħrin, kif ukoll l-oġġetti personali tagħhom u t-tagħmir tal-vapur.

Qalb it-tajn u l-ħama fil-qiegħ tal-Vasa l-iskwadra ta’ salvataġġ sabet is-sitt ilqugħ li ma kienux mtellgħin fil-ħin tad-disgrazzja. Dawn huma l-eqdem ilqugħ li għadhom jeżistu fid-dinja u qabel il-konservazzjoni kienu dgħajfa daqs għanqbuta. Ir-riċerka dwar is-sejbiet għadha għaddejja. Ħafna oġġetti uniċi huma esibiti fil-wirjiet tal-mużew, li jagħtu l-ħajja lil żmien imgħoddi u n-nies ta’ dak iż-żmien.

ŻJARAT FIL-MUŻEW TAL-VASA

Ħinijiet tal-ftuħ

2 Jannar – 31 ta’ Mejju u l-1 Settembru – 30 ta’ Diċembru
10.00 – 17.00, l-Erbgħa 10.00 – 20.00
(Ir-Restorant Vasa 10.00 – 16.00)

1 Ġunju – 31 ta’ Awissu
8.30 –18.00
(Ir-Restorant Vasa 9.30 – 17.30)

31 ta’ Diċembru
10.00 –15.00
(Ir-Restorant Vasa 11.30 – 14.00)

Magħluq l-1 ta’ Jannar, it-23 – 25 ta’ Diċembru

Dħul

Adulti SEK 130
Tfal (0-18-il sena) SEK 0
Studenti (ID meħtieġa) SEK 100

Ikun hemm żjarat tal-mużew bil-gwida bl-Ingliż bosta drabi kuljum.
Żjarat għal gruppi ta’ aktar minn 9 persuni jridu jiġu prenotati bil-quddiem.
Il-film dwar il-Vasa jintwera b’sottotitoli bl-Ingliż kull siegħa kuljum.
Wirjiet b’lingwi oħrajn jistgħu jiġu prenotati bil-quddiem.
E-mail għall-prenotazzjonijiet: bokningen.vasa@smm.se

Kif tasal fil-Mużew ta’ Vasa

Il-mużew jinsab fuq il-gżira ta’ Djurgården, fuq in-naħa tal-lemin wara li taqsam il-pont Djurgårdsbron.
L-indirizz fejn għandek tmur huwa Galärvarvsvägen 14 fi Stokkolma. Imxi mill-istazzjon Ċentrali ta’ Stokkolma (30 minuta) jew mill-istazzjon tal-metro ta’ Karlaplan (10 minuti).
Tram 7 minn Sergels torg/Hamngatan biex tieqaf fi Nordiska museet/Vasamuseet.
Karozza tal-linja Nru 69 mill-Istazzjon Ċentrali ta’ Stokkolma jew Sergels torg biex tieqaf fi Djurgårdsbron.
Karozza tal-linja Nru 44 minn Karlaplan biex tieqaf fi Nordiska museet/Vasamuseet.
Bil-vapur lejn Djurgården minn Slussen/Gamla stan u fis-Sajf minn Nybroplan ukoll.    

Djurgården

Il-gżira ta’ Djurgården, li darba kien post tal-kaċċa rjali, illum hija żona fantastika ta’ rikreazzjoni u divertiment fiċ-ċentru ta’ Stokkħolma, li jżuruha miljuni ta’ persuni kull sena. L-attrazzjonijiet tagħha jinkludu Skansen, l-ewwel mużew fil-beraħ fid-dinja, Junibacken bil-karattri ferm maħbubin mill-kotba tat-tfal ta’ Astrid Lindgren, il-ġnien ta’ divertiment Gröna Lund, il-Mużew tal-Vasa, u bosta oħrajn.

Xarabankijiet tal-gruppi ta’ viżitaturi

Ix-xarabankijiet tal-gruppi ta’ viżitaturi jistgħu jipparkjaw barra l-mużew.

Karrozzi privati

L-ispazju għall-ipparkjar huwa ferm limitat f’Djurgården. Huwa eħfef li tipparkja qabel ma tasal għall-pont – fi Strandvägen jew Narvavägen.